Ħarsa madwarna

Ħallejna warajna sena oħra. Kull sena tajba jew ħazina tħalli warajha xi avveniment speċjali. Almenu ħlisna mill-misħuta pandemija tal-Covid 19 għalkemm hawn min għadu jbati l-konsegwenzi ta’ din il-marda.

Il-posta tasal bil-qajla

Is-servizz postali għadna niddependu ħafna fuqu u anke li issa drajna bl-internet u x’naf jien, speċjalment dawk li huma mifrudin bil-kontinenti mill-familji u ħbieb. Fiż-żminijiet tal-Milied nistennew wkoll dawk il-kartolini tradizzjonali.

Ma nafx ma’ min se nilmenta izda mhux sewwa li kartolina minn Malta mibgħuta bl-ajru bi ħlas ta’ żewġ euros ($A3.26) għandha tasal f’Sydney l-Awstralja xahar wara.

Fejn jidħlu ż-żgħażagħ, morna lura

Fejn jidħlu ż-żgħazagħ Maltin barra minn Malta (ma tanx inħobb nuża l-kelma dijaspora) ftit għamilna impatt f’dawn l-aħħar snin, mhux hekk anzi ħadna skoss lura.

Is–sena l-oħra saru żewġ attentati kbar fejn indaħlu b’ħafna entużjażmu l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta’ Malta biex jorganizzaw laqgħat virtwali, dik tas-17 ta’ Settembru, bl-isem Lingwa Maltija u Identità u l-oħra tas-27 ta’ Ottubru dwar l-Impatt tal-Bidla fil-Klima u ż-Żgħazagħ.

Dawn l-inizjattivi kellhom warajhom ukoll ir-risorsi tal-Aġenzija Żgħażagħ, il-Maltese National Youth Agency u anke l-Council of Maltese Living Abroad. Qatt ma smajna xejn dwar dawn l-inizjattivi. Nafu li l-aħħar waħda kellha tiġi mħassra u l-ewwel waħda ftit kellha attendenza. U dan meta qed nippruvaw nifhmu aħjar liż-żgħażagħ tagħna fl-Awstralja, suġġett tassew jaħraq. Min se jiċċaqlaq l-ewwel?

Żewġ gwerer

Ma nistgħux imwarrbu ż-żewġ gwerer krudili li tant kissru ħajjiet u ġabu magħhom problemi għan-nies tad-dinja.

L-ewwel kellna l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukraina.

Fl-aħħar xhur tas-sena, faqqet gwerra iktar krudili fejn l-Gvern Isrealjan għal darba oħra baqa’ għaddej b’attakki krudili biex jingassa lill-istrippa ta’ Gaza mill-mappa tad-dinja u joħloq miljun Palestenjan bħala refuġjati.

Kull pajjiz għadu d-dritt li jiddefendi ruħu iżda ebda pajjiż ma għandu l-obbligu morali li jkisser u jfarrak lil dak li ma jistax jiddefendi ruħu.

Id-dar tax-xjuħ

Ma hemmx dubju, li l-iktar aħbar ħażina u disturbanti ghall-komunita’ Maltija fl-Awstralja kienet meta f’Awwissu tas-sena l-oħra s-sorijiet Dumnikana Maltin ta’ Blacktown f’NSW ħallew id-dar tax-xjuħ li kienu ilhom jiehdu ħsieb għal madwar 40 sena u telqu lejn Malta. Id-dar tax-xjuħ kienet ilha li ngħalqet minn Jannar 2023.

Signage to the St. Dominic’s Home for the Elderly. Photo: Lawrence Dimech

Deċiżjoni hekk fatali mis-sorijiet Dumnikani Maltin ħalliet warajha vojt kbir fejn tidħol il-kura tal-anzjani Maltin. Saru hafna protesti u nkiteb ħafna dwar dan.

Kien hemm min akkuża li, fil-fatt il-binja qatt ma kienet tas-sorijiet Dumnikani ta’ Malta iżda tal-komunita’ Maltija għax kienet il-komunità Maltija li gabret il-flus biex tinbeda id-dar tax-xjuħ fi Blacktown.

L-argumenti tant ħraxu li l-kwistjoni spiċċat fil-qorti għax kien hemm allegazzjonjijiet serji ta’ korruzzjoni li jridu jiġu deċiżi fil-qorti. Sadanittant, il-binja giet mibjugħa u flokha jidher li se jinbnew flats u ċentru ta’ kura għat-tfal.

Pensjonijiet minn Malta

Fl-aħħar tas-sena l-oħra ltqajt ma każijiet fejn pensjonanti li jirċievu xi pensjonijiet minn Malta lmentaw għax id-Dipartiment tas-Sigurtà Socjali f’Malta għandu ħabta li jwaqqaf dawn il-pensjonijiet mingħajr ma jagħti opportunitajiet lil dawk li jgħixu fl-Awstralja biex jippruvaw li għadhom ħajjin u għalhekk bid-dritt li jkomplu jirċievu l-pensjoni.

Tajjeb u neċessarju li d-Dipartiment f’Malta jżomm kuntatt mal-pensjonanti iżda lanqas hu sewwa li f’ħakka t’għajn jaqtagħlhom il-pensjoni li tant ikollhom bżonn biex jgħixu ħajja normali. Fid-dinja tallum hemm ħafna modi moderni biex tkun tista’ tiċċekkja jekk pensjonant għadux ħaj.

Li tibgħat ittra bil-baħar minn Malta li ddum gejjha tlett xhur, jekk tasal, u mbagħad tagħti lill-pensjonant ftit jiem biex iwieġeb meta ż-żmien diga jkun għalaqlu, mhux metodu aċċettat.

Għandna wkoll f’kull stat rappreżentanti tal-Gvern Malti li għandhom javżaw b’telefonata meta xi pensjoni tkun se tiġi mwaqqfa. Forsi mhux għalhekk ukoll li għandna rappreżentanti u anke konslijiet onorarji madwar l-Awstralja kollha?

Hu att inġust u krudili li twaqqaf ħlas ta’ pensjoni għax huma ħafna dawk li jgħixu bil-pensjoni u għalihom dan il-hlas hu essenzjali.

Skond esperjenza li kelli riċenti sibt li meta kien hemm xi diffikultà mad-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali mill-ewwel ħadu l-passi necessarji u għalhekk nittamaw li l-affarijiet jitjiebu.

Passaporti Maltin

Insemmi wkoll dwar il-passporti u l-ismijiet Maltin għax jidher li reġgħet tfaċċat il-problema meta l-ismijiet purament Maltin jigu Inglizati per eżempju minn Maria jsiru Mary u minn Gużeppi jsiru Joseph.

Konna diġà rbaħna arrgument mal-Gvern Malti li fejn hemm purament translation, l-ismijiet għandhom jiġu aċċettati u ma hemmx bżonn tmur il-Qorti f’Malta biex bi spiża kbira tibdel ismek legalment.

Iżda tiskanta li kull meta jinbidel il-Gvern jew xi ras kbira fid-dipartiment, dak li ġara qabel ma jibqax iseħħ.

Irridu għalhekk inkomplu ninsistu li meta Maria b’neċessità għax emigrant saret Mary u għandha passaport ieħor bħala Mary din baqgħet l-istess persuna, ma hemm l-ebda identità doppja.

Gieħ ir-Repubblika

Kien ta’ dispjaċir ukoll li fl-aħħar unuri ta’ Gieħ ir-Repubblika mħabbra mill-Gvern ta’ Malta f’Jum ir-Repubblika, ebda persuna mill-Awstralja ma giet onorata. Malajr jinsewna. Fil-fehma tieghi, għandu jkun hemm persentaġġ allokat għall-Maltin ta’ barra.

*10 ta’ Jannar 2024: miżjudin is-suġġetti tal-posta u taż-żgħażagħ

By Lawrence Dimech

OAM, MOM, JP

Related Posts