Ħalliena Patri Alfred Sciberras OFM

Patri Alfred Sciberras ofm. Ritratt: Fra Lorrie Zerafa ofm via Facebook

Matul il-ġimgħa li għaddiet, il-Mulej għoġbu jsejjaħ lura fid-dar tiegħu lil Patri Alfred Sciberras OFM, fl-għomor ta’ 87 sena.

Patri Sciberras kien minn Ħaż-Żebbuġ, Malta, imwieled fit-13 t’Ottubru 1957.

Fl-14 t’Ottubru 1958 għamel il-Professjoni Temporanja u fil-15 t’Ottubru 1961 għamel il-Professjoni Solenni. Ġie ordnat Saċerdot fil-11 ta’ Marzu 1967.

Peress illi Patri Alfred f’dan l-aħħar żmien kien rikoverat fid-Dar tal-Kleru ‘Christus Sacerdos’ Birkirkara, il-funeral tiegħu sar fil-Knisja Santa Marija ta’ Ġesù, tal-Patrijiet Franġiskani, fir-Rabat Malta, il-Ġimgha 5 ta’ Jannar, filgħodu.

Fr Alfred kien jifforma parti mil-Fraternità tal-Patrijiet Franġiskani fir-Rabat ta’ Malta għal żmien twil, fejn kien ukoll għal xi snin Gwardjan. Kien għamel xi żmien ukoll Londra jaqdi lill-morda Maltin.

F’dan l-aħħar snin Patri Alfred kien jifforma parti mill-Fraternità tal-Patrijiet Franġiskani f’Għajnsielem, Għawdex.

Sadattant nhar it-Tlieta filgħaxija, 9 ta’ Jannar 2024, fil-Knisja ta’ Sant’Antnin f’Għajnsielem, il-Gwardjan tal-Fraternità Franġiskana f’Għawdex, Patri Marcello Ghirlando ofm, mexxa quddiesa konċelebrata għal ruħu bit-talba ukoll ta’ l-Għasar tal-Mejtin u għamel ukoll kelmtejn tal-okkażjoni.

Jidhru mix-xellug għal-lemin Patri Gabriel Micallef, Patri Marcello Ghirlando u Patri Walter Vassallo, waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa.

Il-kant kien taħt id-direzzjoni tal-istudenti Franġiskani. Ikkonċelebraw ukoll Patri Walter Vassallo ofm, Patri Gabriel Micallef ofm u Patri Ġwann Azzopardi ofm.

Patri Alfred kien maħbub mill-Għawdxin. Kien imur iqarar f’diversi knejjes, fosthom fil-parroċċi tal-Qala u n-Nadur. Kien ċajtier. U fil-festa ta’ San Filep ta’ Aġira, iffestiġġjata kull sena f’Ħaż-Żebbuġ, ma kienx jonqos illi meta jirritorna lura Għawdex, miċ-ċelebrazzjonijiet kien jieħu ftit kubbajt lil sħabu patrijiet.

*Ritratti: Charles Spiteri

By Charles Spiteri

Related Posts