Il-Karnival magħna wkoll

Ta’ kull sena ħafna minn niesna tistenna b’ħerqa l-Karnival. Għadek issib ħafna dilettanti ta’ dawn il-festi folkloristiċi u rikrejattivi li jafu l-bidu tagħhom qabel il-wasla tal-Kavallieri fostna. Naturalment dawn il-festi tradizzjonali u popolari jiddependu ħafna fuq il-burdata tat-temp.

Fil-gżira tagħna l-Karnival din is-sena għalija se jibda nhar il-Ħadd 4 ta’ Frar meta matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu nkun qed nippreżenta l-Karnival fil-pjazza ewlwnija tal-Għarb. Matul il-jiem ta’ wara, diversi Kunsill Lokali jorganizzaw ukoll il-Karnival fir-raħal tagħhom.

Fl-aħħar jum tal-Karnival, it-Tlieta 13 ta’ Frar 2024, fi Triq ir-Repubblika Victoria jkun hemm il-Gran Finale li jinkludi żfin fi Triq Fortunato Mizzi bis-sehem tal-kumpaniji taż-żfin, maskri grotteski, karrijiet trijonfali u baned.

It-tfal tal-iskola flimkien mal-għalliema jieħdu gost b’jumejn vaganza, għad li ħafna minnhom jieħdu sehem mal-iskola tagħhom. U allaħares ma kienx hekk. Jekk ma tinvestix fit-tfal, il-ġejjieni tal-Karnival jista’ jkun wieħed imċajpar. Ta’ tfal li konna niftakarni nfittxu fil-gwardarobbi t’ommi u nsibu xi libsa tgħodd għalina u erħilna nxidduha u niġru mat-toroq tar-Rabat b’wiċċna mgermed b’xi tapp ta’ flixkun maħruq u b’xi bastun f’idejna!

Jien trabbejt fl-atmosfera tal-Karnival għax missieri, Alla jaħfirlu, mhux darba u tnejn kien jiġbor madwaru salt ħbieb u jidħlu fl-enclosure fuq xi trakk u jaqsmu lil kulħadd bid-daħk.

Kont inħossni fis-seba’ sema niġri fil-garaxx ta’ missieri narahom jibnu l-float, jiżbgħu l-maskeruni u jħejju l-kostumi. Dak kien żmien! Mhux ta’ b’xejn għadni nieħu gost nippreżenta xi programm jew serata tal-Karnival għalkemm issa qbiżt is-sebgħin sena!


O żmien ħelu kif għaddejtli
Żmien ta’ meta kont bla ħtija
It-tifkira biss ħallejtli
Biex il-għira nħoss għalik
Int ma’ terġa’ iżjed għalija
U sal-mewt indum nibkik!

Gorġ Pisani

Naħseb li ħafna min-niesna tħobb toħroġ biex tara l-Karnival, b’mod speċjali dak organizzat mill-Kunsill tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li jsir fil-qalba tar-Rabat, speċjalment fl-Enclosure ta’ Pjazza Indipendenza li issa għandha paviment tassew sabiħ, kif ukoll fi Triq ir-Repubblika u Triq Fortunato Mizzi

Il-Karnival organizzat ikun jinkludi karrijiet trijonfali, maskri grotteski, kumpaniji tat-tfal u tal-kbar bil-kostum u żfin, xi ‘hilarious company’, kompetizzjoni għall-aħjar kostum, il-ballu tal-Karnival, il-Parata, baned Għawdxin, kumpaniji barranin u divertiment ieħor.

Naħseb li ħafna mill-qarrejja jiftakru lil Fredu Spiteri tal-Leverist li kien jara x’jivvinta għall-Karnival — darba minnhom ħareġ liebes nofsu fqir u nofsu sinjur; darba oħra ħareġ ikaxkar warajh il-bieb tad-dar bħal Gaħan tal-istorja!

Intant xi drabi naraw ukoll iż-żifna antika tal-Kumittiva magħrufa ħafna fost in-nies ta’ San Lawrenz u dawk tax-Xagħra, fix-xaqliba tan-‘Nazzarenu’. Kien hemm xi snin meta konna naraw ukoll il-Kukkanja iżda din issa ilha ftit ma ssir fil-belt Victoria. Ġie li kellna wkoll xi ġirja fl-enclosure wara xi qasqus (catch the pig) imma din ilha li nqatgħet.

Il-Karnival fin-Nadur, Għàwdex. Ritratt: Thyes – Own work, Public Domain, https://commons.wikimedia.org/w/index.php?curid=4072112

F’dan iż-żmien fil-vetrini tal-ħwienet tal-ħelu titfaċċa l-prinjolata li ħafna nies jagħmlu għaliha. Tajba u ma fihiex xewk! Il-perlini wkoll huma assoċjati ma’ dawn il-festi tradizzjonali u folkloristiċi tal-Karnival li jingħad li kien il-Gran Mastru Pinto li daħħalhom fostna, għalkemm studji reċenti juru li daħlu qabel f’pajjiżna.

Għadha drawwa fostna wkoll li xi erba’ għannejja jarmaw trakk, iżejnuh bil-palm u joħorġu jgħannu mat-triqat waqt li jfajru l-perlini u ħelu ieħor għal fuq il-folla. Baqgħu ġejjin sa żmienna u donnu l-poplu tagħna jkun jistennihom biex jitbellah ftit u jinsa għal mument il-ħajja ta’ kuljum.

Il-Karnival tat-tfal għandu sehem importanti f’dawn il-jiem u tista’ tgħid l-iskejjel Għawdxin kollha jippreżentaw xi ‘item’ fil-programm. Sinjal tajjeb għax jekk ma nrawmux it-tfal sa miċ-ċokon, il-Karnival x’futur jista’ jkollu! L-iSports Complex ta’ Victoria ġieli kien joffri alternattiva tajba meta t-temp ma jippermettix!

Il-Kunsilli Lokali wkoll fil-maġġoranza tagħhom jorganizzaw il-Karnival fl-irħula tagħhom u n-Nadur forsi l-iktar li jispikka. Hawnhekk isir ukoll il-Karnival spontanju u ħadd mhu eskluż li jxidd il-maskra u joħroġ iterraq mar-raħal. Nies barra mir-raħal ukoll issibhom hawnhekk jiddevertu u jixxalaw fosthom partita Maltin.

M’hemm xejn ħażin sakemm wieħed jara li ma joħroġx saqajh barra mill-friex! Fi tfuliti jien niftakar lil tal-‘liżar’ li kienu joħorġu mkeffna biss f’liżar jiġġerrew mat-toroq jisfidaw il-ksieħ ta’ Frar kif ukoll lil Fredu l-Leverist, għannej tal-‘prima klassi’ dejjem liebes ta’ xi ħaġa li qatt ma tistenniha jew tobsorha!

Kellna wkoll lill-kumpanija Muskettieri Għawdxin li kienet tinkludi lil Gużeppi Balluċċi, Giġi Sillato, Koli Apap, Gużeppi Micallef u oħrajn. Dawn illum kollha ħallewna u qed jistrieħu taħt l-irħama kiesħa tal-qabar! Baskal Attard jibqa’ magħruf għat-trakkijiet li bihom kien jidħol fl-enclosure u jifqa’ lil kulħadd bid-daħk! Darba tela’ fil-qamar u sena oħra għamel operazzjoni medika fil-pjazza. X’ma tidħakx in-nies!

Dan illum ħalliena wkoll iżda l-Għawdxin jgħidulek li dak kien l-isbaħ Karnival! Fis-sittinijiet il-Karnival f”Għawdex kien ħa spinta ‘l quddiem u beda jsir b’mod organizzat. Certu Pawlu Portelli (tal-Lingi), il-Kav Koli Apap, Giġi Sillato, imdawrin b’xi ftit dilettanti oħra kienu waqqfu Kumitat organizzattiv u bil-mod il-mod il-Karnival beda jieħu s-sura u n-nies bdiet tinġabar fil-pjazza tat-Tokk, illum Pjazza Indipendenza, toqgħod bil-qegħda u tgawdi l-ispettaklu. Il-premjijiet bdew ukoll iħajru l-kumpaniji biex jieħdu sehem u llum dawn il-ħwejjeġ saru parti mill-ħajja Għawdxija.

Il-Karnival jiġi biss darba fis-sena u kulħadd jista’ jwarrab għal mument is-serjeta’ u jċarrat snienu biex jidħak ftit. Id-daħk jingħad li jnaqqas it-tikmix fil-wiċċ w allura għax ma nitbissmux ftit! Iżda ma ninsewx li hekk kif jintemm, l-għada, jibda żmien ir-Randan, jiem ta’ sawm u astinenza, żmien totalment differenti, iżda li jrid ikun ukoll. Għalhekk il-munita għandha żewġ faċċati, ħbieb!


Din is-sena ħa ngawduhom
Dawn il-jiem ta’ ferħ u bluha
Jalla fil-fond jibqgħu dieħla
Ta’ dawk li qalbhom muġugħa!

Tinsewx li kif jisbaħ l-għada
Ikun sawm u astinenza;
Illum mela niddevertu
Wara żmien ta’ penitenza.

Rieġa’ ġej il-Karnival
Kav. Joe M Attard
Victoria Għawdex

By Kav. Joe M. Attard

Rabat, Għawdex

Related Posts