Taħdita dwar il-vuċijiet u delużjonijiet fil-psikożi

Id-Dipartiment tal-Psikoloġija fi ħdan l-Isptar Ġenerali t’Għawdex organizza taħdita bl-isem ta’ Vuċijiet u delużjonijiet fil-psikożi. Din it-taħdita saret mill-psikologu u psikoterapista Dr. Laner Cassar fl-iskola ta’ BARTS, f’Għawdex (l-Università Queen Mary, Kampus Malta).

Din kienet waħda mit-taħditiet illi saret bhala parti mis-serje ta’ taħditiet edukattivi li jġibu l-isem ta’ Nirrispondu għall-bidla wara t-telfiet u t-tiġrib f’ħajjitna. F’din it-taħdita ġew diskussi is-sintomi u l-kawżi prinċipali tal-psikożi. Il-kawżi prinċipali tal-psikożi, żied jgħid Dr Cassar, jistgħu jkunu kemm psikjatriċi, mediċi u kif ukoll relatati mad-droga.

Dr Laner Cassar. Ritratt: Charles Spiteri

Il-kelma psikożi tirreferi ghal kundizzjoni tas-saħħa mentali illi fiha wieħed jinqata’ mir-realtà u jkollu ċertu konvinzjonijiet li ma jkunux vera dwar ir-realtà ta’ madwaru (delużjonijiet) kif ukoll jibda jara u jisma’ affarijiet li ma jkunux preżenti fir-realtà (alluċinazzjonijiet). Il-kundizzjonijiet psikotiċi huma kkareterizzati minn problemi fl-abbiltà li wieħed ikollu kuntatt mar-realtà li mbagħad twassal għal kreazzjoni tar-realtijiet ġodda. Dawn ir-realtijiet ġodda jistgħu jinkludu d-delużjonijiet, l-alluċinazzjonijiet, problemi relatati mal-ħsieb u diskors kif ukoll nuqqas ta’ ħsibijiet u nuqqas ta’ għarfien dwar x’ikun qed jiġri eżattament fil-ħajja.

Għal ħafna nies, il-kelma “psikożi” tirreferi għal kundizzjoni tal-iskizofrenija. Għalkemm jistgħu jkunu simili, dan mhux dejjem ikun il-każ, għaliex hemm differenzi bejniethom ukoll. Wieħed jista’ jesperjenza l-psikożi għal żmien qasir, bħal fil-każ ta’ meta jiżviluppa s-sintomi minħabba li jkun għadda minn xi trawma jew inkella minħabba li jkun ħa xi sustanza għal skopijiet rikreattivi. F’dawn il-każijiet, permezz ta’ interventi psikoloġiċi, soċjali u l-mediċina, il-persuna għandha ċans tajjeb illi tirkupra. Is-sintomi ta’ psikożi jistgħu jkunu wkoll riżultat ta’ xi kundizzjonijiet mediċi kif ukoll bhala effett kollaterali ta’ ċertu mediċini.

Ikompli Dr Cassar illi s-sintomu prinċipali tal-psikożi huwa dak tal-alluċinazzjonijiet awditorji (meta wieħed jibda jisma’ l-vuċijiet jew ħsejjes u ma jkun hemm ħadd jitkellem jew ebda ħsejjes). Dan is-sintomu huwa ġeneralment assoċjat ma’ kundizzjonijiet psikjatriċi. Però jista’ jkun jiżviluppa minħabba xi telf fil-familja, nuqqas ta’ rqad, trawma fost affarijiet oħra. Il-persuna jista’ jkun tisma’ dawn il-vucijiet f’widnejha kif ukoll minn partijiet oħra ta’ ġisimha. Dawn l-episodji jistgħu jseħħu frekwenti jew inkella jkunu ta’ darba fil.

Sintomu ieħor importanti ta’ psikożi huwa twemmin delużjonali (delusional belief). Dr Laner jgħid illi din il-kelma tirreferi għal meta xi ħadd jkun jemmen bis-sħiħ f’xi ħaġa li ma tkunx qiegħda tiġri fil-verità, imma għal persuna tkun reali. Id-delużjonijiet jistgħu jkunu ta’ diversi tipi. Dawn jistgħu jkunu relatati ma’ paranoja kif ukoll ta’ natura persekutorja, (sens li xi ħadd qed jiġri wara l-persuna), referenzjali, (il-persuna temmen li xi ħadd qed jirreferi għaliha), grandjuża u somatika. Id-delużjonijiet jistgħu jkunu relatati ma’ għira u erotomanija (il-persuna temmen li xi persuna partikulari tħobbha meta dan ma jkunx vera).

Matul it-taħdita ġew diskussi modijiet ta’ kif wieħed jista’ jikkomunika ma’ persuna illi jkollha d-delużjonijiet, b’enfasi fuq l-importanza illi wiehed jivvalida l-esperjenza tal-persuna l-oħra imma li ma jkomplix ikabbar l-istorja. Huwa importanti wkoll li wieħed ma jikkritikax lill-persuna, ma jimminimizzax l-esperjenza ta’ dak li jkun u kif ukoll ma jurix li hu mbarazzat jew ixxukjat b’li qaltlu l-persuna. Huwa importanti wkoll illi waqt li wieħed jkun qed jikkomunika mal-persuna bi psikożi, ma jippruvax jirbaħ l-argument u juri li għandu raġun u l-persuna l-oħra m’għandhiex raġun.

Dr Laner Cassar jagħti t-taħdita. Ritratt: Charles Spiteri

Il-psikożi fi stat akuta hija kundizzjoni li tista’ tiġi trattata permezz ta’ mediċina partikolari illi jsejħulha anti-psychotic medication kif ukoll permezz tal-għajnuna ta’ diversi professjonisti. Fost dawn il-professjonisti nsibu occupational therapists, social workers, peer-recovery specialists, psikjatri, psikologi, psikoterapisti u infermiera psikjatriċi. It-trattament jista’ jingħata fuq bażi ta’ outpatients. Meta persuna jkollha l-ewwel episodju ta’ psikożi, jista’ jkun li l-persuna tkun rikoverata fl-isptar għal ftit ta’ żmien.

Għalkemm saru ħafna avvanzi fil-proviżjoni ta’ servizzi relatati mal-qasam tas-saħħa mentali, Dr Laner spiċċa biex enfasiżża fuq l-importanza illi jkomplu jissaħħu s-servizzi relatati mas-saħħa mentali f’Għawdex sabiex ikomplu jitnaqqsu l-ammont ta’ nies illi jidħlu fis-swali psikjatriċi tal-isptar.

By Charles Spiteri

Related Posts