Attivitajiet reliġjużi f’Għajnsielem

Fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani f’Għajnsielem, nhar it-Tnejn 19 ta’ Frar filgħaxija, sar il-Bible Sharing. Patri Gwardjan Marcello Ghirlando qasam flimkien mal-komunita’ preżenti l-Vanġelu tal-Ħadd li ġej, 25 ta’ Frar 2024.

U bħalma sar fi żmien l-Avvent, anke matul dan iż-żmien tar-Randan, min-nhar it-Tnejn ukoll bdiet tingħad flimkien mal-ġemgħa ta’ insara preżenti il-Via Sagra u t-Talba ta’ l-Għasar qabel il-quddiesa ta’ filgħaxija.

Sadattant nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar, l-aħħar Ġimgħa tax-xahar, fl-imsemmija knisja ser issir ċelebrazzjoni ta’ quddiesa b’Talb għall-Fejqan, immexxija wkoll minn Patri Ghirlando. Fis-6pm issir l-Adorazzjoni, jingħad ir-rużarju u Kant ta’ Tifħir u fis-7pm tibda l-quddiesa. Janima l-kant Mario u Maria Caruana.

Patri Ghirlando jmexxi l-attivitajiet reliġjużi. Ritratt: Charles Spiteri

Kull nhar ta’ Sibt, matul ir-Randan, bejn il-5 u s-7pm fil-kunvent ta’ dawn il-Patrijiet Minuri ta’ Ġieżu, qed ikun hemm il-patrijiet disponibbli għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.

By Charles Spiteri

Related Posts