Telfiet u tiġrib marbuta ma’ esperjenzi ta’ drogi

Id-Dipartiment tal-psikoloġija fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex qed jorganizza sensiela ta’ taħdidiet informattivi fuq is-saħħa mentali u telfiet f’ħajjitna. Filwaqt li telfiet f’ħajjitna jistgħu ikunu diversi u jikkaġunaw uġiegħ, il-proċess ta’ kif wieħed jikkowpja hu differenti, jiġifieri mhux kulħadd jikkowpja bl-istess mod.

Dr Pamela Portelli, psikologa li taħdem fi ħdan id-Dipartiment, tkellmet fuq telfiet assoċjati ma’ l-użu tad-droga u sustanzi. Hija spjeġat xi tfisser dipendenza u tkellmet fuq il-prevalenza ta’ l-użu ta’ droga fil-kuntest lokali.

Semmiet numru ta’ fatturi li jistgħu jipproteġu lil individwu milli jiżviluppa dawn it-tipi ta’ problemi. Dawn jinkludu is-sapport, l-involviment f’attivitajiet ekstra-kurrikulari u li wieħed jgħix f’ambjent protett. Tkellmet fuq il-mod kif wieħed iġib ruħu meta jgħaddi minn esperjenza li jitlef xi ħaġa jew xi ħadd għażiż għalih. Din it-telfa tista’ taffetwa l-emozzjonijiet tal-individwu, il-mod kif iġib ruħu, il-ħsibijiet u s-saħħa fiżika.

L-użu tad-droga taffetwa mhux biss l-individwu imma is-sistema kollha ta’ madwaru, inkluż il-familja. Fost it-telfiet relatati ma’ l-użu tad-droga, Dr Portelli kompliet tgħid illi wieħed isib finanzi, telfiet ta’ saħħa, problemi fir-relazzjonijiet, telfiet ta’ valuri, telfiet psikoloġiċi u kriżi ta’ identità. L-istigma relatata mad-droga tista’ ttellef il-proċess ta’ rijabilitazzjoni hekk kif wieħed isibha diffiċli jieqaf. Din tista’ tkun partikolarment diffiċli f’lokalità żgħira fejn kulħadd jaf lil xulxin.

Dr Portelli tkellmet ukoll fuq it-telfiet li jgħaddu minnhom il-membri tal-famijla inkluż it-telfa tal-iben jew il-bint ideali, telfiet ta’ saħħa, tibdil fl-irwol tal-familja u tibdil fir-responsabiltajiet. Semmiet l-aspetti psikoloġiċi li jistgħu jinkludu biża’, dipressjoni u ansjetà. Kien hemm referenza għal telfiet li jgħaddu minnhom it-tfal ta’ persuni li jabbużaw mid-droga.

Il-mod ta’ kif wieħed jadatta għal dawn it-telfiet hu individwali. Is-support, ir-reżiljenza, l-importanza li wieħed jieħu ħsieb tal-bżonnijiet tiegħu, li wieħed jeduka lilu innifsu fuq is-suġġett, li jikkomunika mal-familja u l-persuni konċernati u li wieħed jissettja boundaries huma importanti.

Ingħataw dettalji ta’ servizzi speċjaliżżati u kif wieħed jista’ jieħu l-għajnuna.

*Ritratti: Charles Spiteri

By Charles Spiteri

Related Posts